Antoinette Borg – Amina

Amina jekk taqlibha bil-maqlub tiġi “Anima” – ruħ. U dal-ktieb fih ruħ qawwija, ir-ruħ tas-solidarjetà, ir-ruħ tal-kompassjoni, ir-ruħ tal-matematika, ir-ruħ tal-Mellieħa u l-inħawi rurali tiegħu. Borg wara kollox hija Melliħija u kull awtur – b’xi mod jew ieħor, fit-tajjeb u fil-ħażin – jinfilza tbajja’ tal-għeruq tiegħu fl-istorja li joħloq. L-awtriċi tagħmel hekk kemm fil-konfront ta’ raħal twelidha kif ukoll tal-imħabba enormi li għandha lejn il-Matematika. Għall-kuntrarju tiegħi, għax jien u dan is-suġġett dejjem kellna relazzjoni donnha qed nissaportu lil xulxin għax għandna bżonn lil xulxin.

Qrajtu f’jum u nofs tista’ tgħid. Għoġobni iktar minn Fittixni (l-ewwel xogħol ta’ Borg), bla dubju u ħafna aktar minn Ri-ġenerazzjoni (li ma tantx fhimt x’kien l-iskop wara l-istorja u l-allużjoni wara l-metafora tal-ġilda l-ġdida fil-kuntest tal-plott). Forsi minħabba li huwa aktar konċiż, forsi għax stajt nirrelata aktar ma’ Amina l-protagonista, minkejja li l-Matematika u jien maħniex ħbieb wisq. Forsi għax il-karattri dehruli aktar reali, tad-demm u l-laħam. Jew inkella forsi għaliex Borg bdiet taħkem aktar il-lingwa u tħalli x-xinxilli fil-ġenb u tasal dritt fejn għandha f’moħħha: li aħna kollha l-istess, irrispettivament mill-kulur, twemmin u kredu. U kulħadd għandu xi talent, ta’ min fil-beraħ u ta’ min moħbi.

Forsi għax għall-ewwel darba qrajt storja għat-tfal minn lenti differenti. U forsi wkoll ghax m’hemmx il-happy endings tas-soltu. Bħalma jogħġbu lili. Wara kollox il-ħajja mhux kollox ward u żahar, le?