
Nistqarr li għalkemm għandi ħafna kotba għat-tfal bil-Malti – li jmorru lura għal dawk il-kotba tal-avventura tas-Sebgħinijiet (tal-Għar tax-Xelter, Mastru Gerfex u l-bqija) li kont nehda naqra darba, tnejn, mitt darba – ftit li xejn nispiċċa nsib ħin nara x’joffru. Iktar ngħid nixtriehom biex eventwalment tgawdiehom in-neputija tiegħi la titfarfar naqra oħra. Għax bħal zijuha qisha tiela’ iffissata fuq il-ktieb. Din l-aħħar sena u nofs iżda bdejt nagħmel eċċezzjoni u spiċċajt qrajt tlieta – Il-Vjaġġaturi taż-Żmien, Arloġġ u Tila s-sena li għaddiet (għalkemm ikolli nammetti li propjament qrajthom għaliex kelli eżami marbut mal-krettu dwar il-letteratura għat-tfal bħala parti mid-Diploma fil-Letteratura Maltija) u dis-sena dan: Fil-Kamra ta’ Jonas (b’illustrazzjonijiet ta’ Matt Stroud).
U għalkemm qrajtu f’nifs (36 paġna kollox), inkun qed inqarraq jekk ngħid li ma saħħarnix. Mill-bidu sal-aħħar. Għal diversi raġunijiet li mhux ħa nidħol kollha fihom għaliex inkun qed intellef mill-esperjenza personali tal-qarrej. Iżda ma nistax ma nsemmix l-istorja ċentrali ta’ Jonas, tifel ċkejken imdejjaq u li għadu mhux kapaċi jifhem in-nuqqas ta’ missier li qiegħed jiskonta piena l-ħabs. L-illustrazzjonijiet huma eċċellenti u l-logħba bejn id-dawl u d-dlam jirriflettu wkoll fuq l-istat konfuż ta’ tfajjel beżgħan. Il-metafora tat-taraġ u r-repetizzjoni tagħha (fil-fehma tiegħi) hija kunċett brillanti li turi kemm Noel Tanti għandu għal qalbu dan is-suġġett u mhux biss ħakmu tajjeb iżda jqanqal awtomatikament fina sens qawwi ta’ empatija. Min bħali (u bħall-awtur innifsu) jaħdem fil-qrib mat-tfal jaf kemm b’xorti ħażina din hija realtà attwali ħafna.
Mal-ewwel ċans naqrahulha lin-neputija. U ċert li ħa tibbumbardjani b’ħafna mistoqsijiet jew kummenti.
